Watch FIFA World Cup 2026™

LIVE, FREE and EXCLUSIVE

Ċensiment 2026: X’għandek tkun taf biex tkun inkluż

Census other dwelling visits_credit ABS.jpg
The Census is compulsory to complete for everyone in Australia. Credit: ABS

Iċ-Ċensiment tal-2026 se jsir nhar it-Tlieta 11 ta’ Awwissu u kull persuna fl-Awstralja f’dan il-lejl għandha tkun inkluża. L-informazzjoni taċ-Ċensiment tintuża biex nifhmu fejn ngħixu, il-lingwi li nużaw id-dar (inkluż l-Ingliż), l-appoġġ li neħtieġu u kif l-Awstralja qed tinbidel bħala nazzjon. Li tkun inkluż fiċ-ċensiment jgħin biex jiżgura li l-komunità, il-kultura u t-twemmin tiegħek ikunu rappreżentati. Hawn x’għandek bżonn tkun taf dwar kif timla ċ-Ċensiment għad-dar tiegħek.


Published

By Melissa Compagnoni

Source: SBS



Share this with family and friends


Iċ-Ċensiment tal-2026 se jsir nhar it-Tlieta 11 ta’ Awwissu u kull persuna fl-Awstralja f’dan il-lejl għandha tkun inkluża. L-informazzjoni taċ-Ċensiment tintuża biex nifhmu fejn ngħixu, il-lingwi li nużaw id-dar (inkluż l-Ingliż), l-appoġġ li neħtieġu u kif l-Awstralja qed tinbidel bħala nazzjon. Li tkun inkluż fiċ-ċensiment jgħin biex jiżgura li l-komunità, il-kultura u t-twemmin tiegħek ikunu rappreżentati. Hawn x’għandek bżonn tkun taf dwar kif timla ċ-Ċensiment għad-dar tiegħek.


Punti Ewlenin

  • Iċ-Ċensiment huwa obbligatorju għal kulħadd fl-Awstralja fil-lejl taċ-Ċensiment, il-11 ta' Awwissu 2026.
  • It-tweġibiet tiegħek jgħinu lil dawk li jipprovdu servizzi jifhmu l-bżonnijiet tiegħek issa u kif dawk il-bżonnijiet jistgħu jinbidlu fil-futur.
  • Kull informazzjoni personali li tipprovdi tinżamm sigura u ma tistax tintuża biex tidentifikak.
  • Id-dejta taċ-ċensiment tintuża fid-deċiżjonijiet dwar is-servizzi u l-appoġġ li tirċievi l-komunità tiegħek.

Iċ-Ċensiment sempliċement biex jingħaddu n-nies?

Kull ħames snin, l-Uffiċċju Awstraljan tal-Istatistika (ABS) jgħodd kull persuna u familja fl-Awstralja. Dan huwa ċ-Ċensiment tal-Popolazzjoni u d-Djar, magħruf sempliċement bħala ċ-Ċensiment (Census).

L-informazzjoni miġbura tgħin biex tifforma s-servizzi li tirċievi fiż-żona jew il-komunità lokali tiegħek.

Il-Kelliem Nazzjonali taċ-Ċensiment tal-ABS, Emily Walter, tgħid li ċ-Ċensiment huwa l-akbar ġabra ta’ dejta fl-Awstralja u jipprovdi wħud mill-aktar statistiċi siewja tal-pajjiż.

“Huwa stampa ta’ min aħna u ... juri kif qed ninbidlu maż-żmien,” tgħid hi. “Iċ-Ċensiment jistaqsi mistoqsijiet dwar is-saħħa, l-edukazzjoni, l-isfond kulturali [u] l-impjieg, li kollha jipprovdu stampa rikka tal-kompożizzjoni ekonomika, soċjali u kulturali tal-Awstralja.”

Id-dejta taċ-ċensiment tgħin biex tiżgura li s-servizzi u l-infrastruttura t-tajba jkunu disponibbli għall-individwi, il-familji u l-komunitajiet, fejn u meta jkunu meħtieġa. Dan jinkludi servizzi lingwistiċi, skejjel, kura tas-saħħa, programmi komunitarji, trasport pubbliku u appoġġ tal-issetiljar fl-Awstralja.

Census form delivery_credit ABS.jpg
Census Field Officers will help ensure everyone is counted by following up with households that haven’t completed their Census. Credit: ABS

Min għandu jimla l-formula taċ-Ċensiment?

Kull persuna fl-Awstralja fil-lejl taċ-Ċensiment, il-11 ta' Awwissu 2026, trid tingħadd.

Il-mili taċ-Ċensiment huwa obbligatorja. Dan ifisser li kull familja trid tipparteċipa u kull persuna trid tingħadd fuq formola taċ-Ċensiment.

"Dan jinkludi studenti internazzjonali, viżitaturi, dawk li jkollhom viża u trabi. Xi nies ma jniżżlux it-trabi fuq il-formola taċ-Ċensiment tagħhom!" tgħid Emily Walter.

Meta timla ċ-Ċensiment għad-dar tiegħek, trid tinkludi lil kull min qed joqgħod fid-dar tiegħek fil-lejl taċ-Ċensiment.

X'jiġri jekk ma nkunx id-dar fil-lejl taċ-Ċensiment?

Jekk tkun barra mill-Awstralja fil-11 ta' Awwissu 2026, m'għandekx bżonn timla ċ-Ċensiment.

Imma jekk tkun qed tivvjaġġa fl-Awstralja, pereżempju biex tikkampja jew toqgħod ma' ħbieb, trid timla ċ-Ċensiment irrispettivament fejn tkun. Iċ-Ċensiment jinkludi mistoqsija dwar fejn normalment tgħix.

M'għandekx għalfejn timla ċ-Ċensiment fil-lejl propju tiegħu, iżda t-tweġibiet tiegħek iridu jirriflettu fejn tkun fil-11 ta' Awwissu 2026. Tista' timla l-formola hekk kif tirċievi l-istruzzjonijiet tiegħek jekk taf fejn se tkun fil-lejl taċ-Ċensiment.

X'mistoqsijiet isaqsuni?

Fil-jiem ta’ qabel il-lejla taċ-Ċensiment, il-biċċa l-kbira tal-familji jirċievu ittra li tispjega kif jimlew il-formola online taċ-Ċensiment. Xi familji jirċievu formola stampata.

Completing a paper Census form_credit ABS.jpg
You can complete the Census online, on paper, or with help from Census staff. Credit: ABS

Emily Walter tgħid li ċ-Ċensiment jinkludi mistoqsijiet dwar is-saħħa, l-edukazzjoni, l-impjiegi u suġġetti oħra li flimkien ipinġu stampa wiesgħa dwar familja u komunità. “

Mistoqsijiet bħal jekk persuna hix ta’ oriġini Aboriġina u tal-Gżejjer tat-Torres Strait, il-lingwa mitkellma d-dar, il-pajjiż tat-twelid u l-pajjiż tat-twelid tal-ġenituri, l-antenati, ir-reliġjon, is-sena tal-wasla fl-Awstralja, dawn it-tipi ta’ suġġetti.”

X'jiġri jekk nitħasseb dwar kif tintuża l-informazzjoni personali tiegħi?

Hemm salvagwardji fis-seħħ biex jipproteġu l-privatezza tiegħek.

Iċ-Ċensiment mhuwiex dwar individwi, iżda dwar informazzjoni minn madwar il-popolazzjoni kollha.

Iċ-Ċensiment jitlob ismek u l-indirizz tiegħek biex jappoġġja l-kwalità tad-dejta, inkluża dejta preċiża għal żoni differenti. L-ismijiet huma separati minn dettalji oħra fil-proċess.

Legalment m’aħniex permessi li naqsmu d-dejta taċ-Ċensiment ma’ xi ħadd, ma’ xi aġenzija governattiva jew mod ieħor, b’mod li tista’ tidentifika lil xi ħadd.
Emily Walter

Dan ifisser li l-informazzjoni li tipprovdi hija kunfidenzjali, tinżamm sigura u ma tistax tintuża biex tidentifikak. Organizzazzjonijiet, inklużi dipartimenti tal-gvern, minbarra l-ABS, ma jistgħux jaċċessaw xi informazzjoni personali li jkun hemm fil-formola taċ-Ċensiment tiegħek.

Id-dejta anonima taċ-Ċensiment tintuża minn gruppi komunitarji, organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ, negozji u gvernijiet.

Welcoming Australia hija waħda minn dawn l-organizzazzjonijiet. Huma jaħdmu ma' gvernijiet lokali, klabbs sportivi, universitajiet u postijiet tax-xogħol madwar il-pajjiż.

Is-CEO ta' Welcoming Australia, Aleem Ali, jispjega għaliex ir-rispons onest tiegħek huwa importanti.

"Jekk ma tirreġistrax il-lingwa tiegħek, il-fidi tiegħek, il-kultura tiegħek, effettivament issir inviżibbli għan-nies li jieħdu deċiżjonijiet fejn jidħlu finanzi."

Census follow-up visits_credit ABS.jpg
Census Field Officers can follow up with households that haven’t completed the Census. Credit: ABS

Għaliex huwa importanti li tagħti informazzjoni eżatta fiċ-Ċensiment?

It-tweġibiet preċiżi għall-mistoqsijiet kollha taċ-Ċensiment jiżguraw li leħnek u l-komunità tiegħek ikunu inklużi meta jippjanaw għall-iskejjel, iċ-ċentri tal-komunità, l-appoġġ lingwistiku u servizzi importanti oħra.

Aleem Ali jħeġġeġ lil kulħadd biex iwieġeb il-mistoqsijiet b'onestà u b'mod preċiż.

Is-sehem tiegħek huwa tassew dwar id-dinjità li tidher, u l-ġenerożità tar-riżorsi li jistħoqqilha l-komunità tiegħek.
Aleem Ali

Peter Doukas huwa l-President tal-Federazzjoni tal-Kunsilli tal-Komunitajiet Etniċi tal-Awstralja (FECCA).

Huwa jgħid li organizzazzjonijiet komunitarji bħall-Kunsilli tal-Komunitajiet Etniċi ngħaqdu mal-ABS biex iwasslu l-informazzjoni taċ-Ċensiment f’lingwi diversi, u biex itaffu kwalunkwe tħassib.

“Li niksbu dejta preċiża u ngħinu lin-nies jifhmu li hija parti tassew importanti mill-ħajja ċivika fl-Awstralja huwa ċentrali,” jgħid.

Aleem Ali jgħid li d-dejta taċ-Ċensiment għandha rwol sinifikanti għal Welcoming Australia “... għax tgħinna nappoġġjaw l-organizzazzjonijiet li naħdmu magħhom biex inkunu aktar akkoljenti u inklużivi u biex naħdmu b’mod aktar effettiv ma’... komunitajiet diversi.”

AU21-P00001379-07_Census_IngerGen_Family_HowTo_RGB.jpg
Credit: ABS/CHRIS BUDGEON PHOTO

Kif iċ-Ċensiment jgħin lill-komunitajiet multikulturali?

Iċ-Ċensiment għandu impatti reali fuq in-nies.

L-informazzjoni li tipprovdi int tgħin lill-gruppi komunitarji, lin-negozji u lill-gvernijiet jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar it-tipi ta’ servizzi u għajnuna li tirċievi l-komunità tiegħek.

Aleem Ali tgħid li d-dejta taċ-Ċensiment tista’ titqies bħala mappa li turina min aħna bħala nazzjon.

“Pereżempju, meta d-dejta turi numru għoli ta’ nies f’post speċifiku b’profiċjenza baxxa fl-Ingliż, dik l-evidenza tista’ mbagħad tintuża biex... tappoġġja affarijiet bħall-kura tas-saħħa bil-lingwa u bis-servizzi ta’ traduzzjoni fi sptarijiet lokali. Tgħinna wkoll nidentifikaw dak li nistgħu nsejħu komunitajiet moħbija li ħafna drabi jiġu injorati f’konsultazzjonijiet u finanzjament tradizzjonali.”

U meta tara l-istampa ġenerali, hemm tant diversità fil-komunitajiet multikulturali tal-Awstralja li huwa importanti li tkun magħrufa.

“Pereżempju... komunitajiet aktar stabbiliti jista’ jkollhom bżonnijiet uniċi rigward l-appoġġ għall-anzjani, filwaqt li dawk li jaslu ġodda jista’ jkollhom bżonnijiet ta’ appoġġ lingwistiku jew saħansitra xi ħaġa bażika bħal kif jissetiljaw fl-Awstralja u l-iskejjel,” jgħid Peter Doukas.

Tista' tinkiseb għajnuna?

Hekk kif toqrob id-data taċ-Ċensiment, l-ABS qed jaħdem ma’ organizzazzjonijiet, negozji u gruppi komunitarji madwar l-Awstralja biex jiżgura li n-nies ikunu jistgħu jimlew iċ-Ċensiment kullimkien. Dan ikopri żoni urbani, reġjonali u remoti u jiżgura li n-nies li joqogħdu 'l bogħod mid-dar, pereżempju f'lukandi, sptarijiet, postijiet tal-ikkampjar u parkeġġi tal-karavans, ikunu appoġġjati wkoll.

Aleem Ali jgħid li l-ABS se jipprovdi fuljetti, gwidi u riżorsi bil-vidjo f'firxa ta' lingwi.

“Tista’ saħansitra żżur ċentru uffiċjali taċ-Ċensiment li se jitwaqqfu għal għajnuna personalment, u hemm ukoll għajuna bit-telefon permezz taċ-Ċentru ta’ Kuntatt taċ-Ċensiment. U jekk teħtieġ interpretu, tista’ tuża s-servizz Nazzjonali tat-TIS.”

Għalhekk ftakar, il-lejla taċ-Ċensiment hija t-Tlieta 11 ta’ Awwissu. Jekk tkun fl-Awstralja f’dik il-lejla, kun żgur li tiġi inkluż.

Jieħu biss ftit ħin biex timla l-formula taċ-Censiment, iżda l-informazzjoni li tipprovdi tista’ tgħin biex tifforma servizzi u għajnuna għall-komunità tiegħek għas-snin li ġejjin.

Għal aktar informazzjoni dwar iċ-Ċensiment iċċekkja l-websajt taċ-Ċensiment Census website. Għal informazzjoni b'lingwi diversi jew għajnuna, iċċekkja Language support page.

Dan il-kontenut kien ipproduċut fi sħubija mal-Australian Bureau of Statistics.


Latest podcast episodes

Follow SBS Maltese

Download our apps

Listen to our podcasts

Get the latest with our exclusive in-language podcasts on your favourite podcast apps.

Watch on SBS

Maltese News

Watch it onDemand

Stream now