It-traduzzjoni bil-Malti tad-Divina Commedia: il-wirt letterarju ta’ Alfred Palma

Alfred Palma, author & poet - Image Alfred Palma facebook
Il-poeta u t-traduttur Alfred Palma, li miet fit-18 ta’ Diċembru 2025, jibqa’ mfakkar mhux biss għall-poeżija u t-traduzzjonijiet tiegħu tad-drammi ta’ Shakespeare, iżda speċjalment għat-traduzzjoni Maltija tad-Divina Commedia ta’ Dante Alighieri. Din l-opra monumentali ressqet wieħed mill-akbar kapolavuri tal-letteratura dinjija eqreb lejn il-qarrejja Maltin. Id-dedikazzjoni ta’ Alfred Palma biex jippreserva l-fond poetiku, ir-ritmu u t-tifsira tat-test oriġinali fil-lingwa Maltija hija kisba kulturali u letterarja sinifikanti. Huwa jitkellem ma’ Joe Axiaq dwar dan ix-xogħol u l-ħidma letterarja tiegħu f’intervista li kienet saritlu fl-1996.
[mużika]
Il-kittieb, poeta u traduttur Alfred Palma ħalliena nhar il-Ħamis, 18 ta' Diċembru 2025. Alfred Palma kien poeta li ppubblika diversi kotba bil-poeżiji tiegħu. Kiteb ukoll novelli, rumanzi u radjudrammi, imma fuq kollox, l-akbar kontribut ta' Alfred Palma fil-letteratura Maltija huwa bħala traduttur tal-kapulavur tad-Divina Commedia ta' Dante Alighieri, li fiha aktar minn tnax-il elf vers irrimati. Palma qaleb ukoll għall-Malti d-drammi ta' Shakespeare u ħadem ukoll fuq ix-xogħlijiet ta' Oscar Wilde. Nisimgħu parti minn intervista li kont għamiltlu fl-1996 dwar il-ħidma letterarja tiegħu. Jibda biex jgħidilna kif bdiet il-karriera letterarja tiegħu.
Jiena fil-fatt Joe, bdejt il-karriera letterarja bħala poeta, jiġifieri kont nikteb l-iskola poeżiji żgħar u dan, u mbagħad fil-fatt kont nikteb xi radjudrammi imma esklussivament kienet poeżija li kont nikteb, qed tifhem? U mbagħad bdejt, niġborhom fl-1960, ... u spiċċajt ippubblikajthom fl-1991, l-ewwel grupp ta' poeżiji. Jiġifieri. il-ġeneru ewlieni tiegħi kien u għadu fil-fatt il-poeżija.
Jiġifieri f'dan il-ktieb insibu kważi, kważi l-poeżiji kollha tiegħek?
L-aħjar poeżiji li kelli kollha, imbagħad kont ħadt sehem ma', tlieta,poeti oħra fl-1972 u kont ippubblikajt tletin poeżija minnhom. Imma mbagħad komplejt u ħriġt il-ġabra tiegħi biss, jiġifieri Preludji fl-1993 mingħaliha, jew 1992.
Illum il-ġurnata għadek tikteb poeżija?
Iva, għadni nikteb għaliex Joe, il-poeżija għalija hija escapism, insibha ta' toniku, qed tifhem? U anke speċjalment, għax il-poeżija tinkiteb meta jew tkun ferħan ħafna jew meta tkun imdejjaq ħafna. Allura l-bniedem huwa dejjem għaddej minn dawn iż-żewġ elementi, jiġifieri kif inħoss il-muża jiġifieri, speċjalment xi ħadd minn dawn il-mużi hekk, ninfex fil-poeżija, 'il quddiem nippubblika t-tieni, it-tieni ġabra jekk Alla jrid.
Kif semmejtilna aktar qabel, ktibt ukoll ħafna radjudrammi. Għadek tikteb radjudrammi?
Le, radjudrammi ma, nlaħħaqx ħu. Radjudrammi jinvolvu ħafna xogħol illum hawn il-photocopying u kollox, imma radjudrammi mil-lat, ta' flus u mil-lat- tieħu ħafna ħin li għalija jiena nippreferi naħdem fuq xogħol iktar speċi sostantiv li jżommu.
Inti ma taħsibx li wkoll ir-radjudramm illum il-ġurnata għadda żmienu?
Naħseb, naħseb Joe. Ir-radjudramm illum naħseb li bħala mod ta' entertainment, fi żmieni meta kont għadni żgħir, kulħadd kien mkaħħal mar-Rediffusion kien dak iż-żmien jisma' radjudrammi, imma mbagħad daħlet it-television. It-television hija xi ħaġa li tara flok tisma' u tara, jiġifieri. Allura kien hemm ħafna dik il-ġibda biex jaraw teledrammi, qed tifhem? U mbagħad naturalment ftit ftit beda jitlef l-l-importanza.
Biċċa xogħol kbira li għamilt kienet it-traduzzjoni tad-Divina Commedia ta' Dante. Kemm domt taħdem fuq din il-biċċa xogħol?
Dik bdejtha fl-1966 u spiċċajtha fl-1986, jiġifieri domt naħdem fuqha għoxrin sena. Kien għad kelli 26 sena meta bdejtha, u imbagħad bdejt speċi ninferex fuq it-traduzzjoni, qed tifhem? U mbagħad indunajt kemm joħroġ ġid mit-traduzzjoni, imbagħad bdejt naqleb għal Shakespeare.
Din il-biċċa xogħol ippubblikajtha biex ngħid hekk, minn flusek stess, jew kellek xi sussidju minn xi mkien?
Le, le Joe, jiena din ħabtet, kien qabadni nervous tension, kelli ħafna mard fil-familja u dan fl-1986. U mbagħad eventwalment kelli nitlaq mix-xogħol għax ma stajtx inkompli, qed tifhem? U mbagħad naħliflek illi bil-flus li ħadt bħala compensation ħallast id-Divina Commedia kollha minn buti u ma għenni ħadd. La, ażjendi, la gvern, ħadd. Ħallastha kollha jiena, swietli ħames elef u tmien mitt lira dik. Għad għandi l-irċevuta, jiġifieri ħallastha kollha jiena, però għandi sodisfazzjon illi ngħid nfaqt kull ma kelli, imma għall-inqas il-Malta tajtha, dak li qatt ma kellha, għax qatt ma kellna traduzzjoni kompleta u rrimata tad-Divina Commedia.
Għall-inqas daħħalt lura l-ispejjeż ta' din il-biċċa xogħol?
Ejja ngħidu li qed noqorbu ftit ftit, għaddew ħames snin issa mindu kienet ippubblikajtha, u ftit ftit issa qed jibdew jirrikonoxxuha aktar għax qed inbiegħ sal-lum jiġifieri kopji tagħha. Bħala ammont ta' kotba kważi eżawrit, imma jonqosni ftit ieħor biex inġib lura il-flus li ħriġt, għax qligħ ma jkollokx.
Din hija biċċa xogħol li jkollok ħakma sewwa fuq il-kelma Maltija. Sibt xi diffikultà f'dik li hija lingwa, il-lingwa Maltija?
Ħa ngħidha Joe, jiena jiddispjaċini għal-lingwa Maltija minħabba l-ideja li hawn li l-lingwa Maltija hija fqira ħafna u li hija eċċetra, m'hemmx għalfejn ngħidu, li ma tadattax u kollox. Fil-fatt, hija tant hija lingwa sabiħa u ratba għat-traduzzjoni, qisek għandek patty u tagħmel statwa kif trid int. Fil-fatt, jiena użajt il-vers tal-ħdax fiha u użajt ħafna, vokali fl-aħħar, u, sibt illi l-lingwa Maltija mhux talli tappresta ruħha għall-oriġinali, imma xi waqtiet ma rridx niftaħar, xi waqtiet tidher tinħass iktar mużikali f'ċerti passaġġi mill-oriġinali, jiġifieri qed tifhem? Taqdik jekk ikollok is-sengħa tal-lingwa Maltija, taqdik kif trida l-lingwa.
Taħseb li llum il-ġurnata forsi l-kittieb Malti hemm aktar skop li jintefa' għal kitba letterarja, għal ħidma letterarja, u forsi...... jagħmel daqsxejn ta' għajxien?
Le ħa ngħidlek, hawnhekk, hawn Malta, kif taf inti, aħna poplu żgħir, biex iddur għall-arti bħala mestier, huwa kważi impossibbli. Għandna ċrieki hawnhekk, kif taf inti, ċrieki tal-arti, ċrieki tal-mużika, ċrieki tal-pittura, ċrieki tal-letteratura. Jiġifieri dawn, imbagħad naturalment ikollok veru gwadan, anke minn dak li huwa talent u minn dik, li hija pubbliċità. Però, biex tagħmlu bħala full time job huwa impossibbli hawn Malta, għaliex tittrattah bħala speċi ta' ħobby hawnhekk, is-sens artistiku tiegħek, għax altrimenti ma tfendix, u għax inkella jrid ikollok ċertu backing, irid ikollok sponsorship, irid ikollok, eh, isem li jrid jiġi minn sorsi iktar qawwien u milli tiegħek innifsek, u jekk ma jirnexxilekx, tibqa iddur dejjem għal job normali, jiġifieri. Inkella jrid ikollok xi pensjoni bħali, jekk jiġifieri, tgħid forsi nġaħġaħha kif nistgħu.
Kif semmejt, aktar qabel, qlibt xogħlijiet klassiċi ta' Shakespeare u għandek l-ħsieb li tkompli taqleb minn dawn il-plays ta' Shakespeare. Fuq liema biċċa xogħol qed taħdem bħalissa?
Issa għadni kif lessejt il-Macbeth, fil-fatt, il-Macbeth, għax issa għandi tmien plays lesti. Diġà qed nagħmel... qrajtu right through, jiġifieri bin-noti kollha, il-Twelfth Night, It-Tnax-il Lejla, ħa nsemmih, jiġifieri fuq dak qed, naħdem bħalissa. Imbagħad għandi l-Merry Wives of Windsor, u forsi, għall-aħħar ta' din is-sena naqbad As You Like It ukoll, għax jiena ma tantx indum fuqhom, kieku. Imma mbagħad hemm ħafna xogħol ta' typing u ħafna xogħol ta', editing u kollox.
Issa f'dawn l-aħħar snin, ħriġt żewġ kotba kontroversjali daqsxejn. L-aħħar wieħed kien Aħfrilna Dnubietna. X'ħajrek li taqleb għal dan l-istil, minn estrem għall-ieħor meta qed insemmi-
Estrema għall-ieħor, għandek raġun. Ħa ngħidlek, jiena, kif tkellimt anke f' ċerti programmi hawn lokali, jiena versatili ħafna fil-letteratura. Jiena l-letteratura togħġobni f'kollox, bħal mużika. Il-mużika togħġobha ħafna jiena, l-iktar li nippreferi l-klassiku, u jogħġobni anke l-modern. Issa fil-fil-letteratura l-istess ħaġa, togħġobni t-traduzzjoni u, u Dante u Shakespeare, imma r-rumanzi jogħġob ukoll, u barra oltre milli jogħġob lili, naf ċert li jogħġob lill-popolin. Issa aħna qegħdin ngħixu llum fi żmien, li dak iż-żmien, ir-rumanzi tal-antika, jew dawk ir-rumanzi tal-faxxikli, a la Maltija ngħid jien, dak għadda żmienhom. Aħna qed ngħixu llum kważi fis-seklu wieħed u għoxrin, u rridu niffaċċjaw id-dinja kif inhi u kif se tkun. Issa aħna għadna lura f'dawn l-affarijiet, pereżempju, is-sess għadu tabua hawn Malta, jekk inti se tippreżenta xena sesswali trid toqgħod attent x'se tgħid, u dak għalija huwa punt ta' ribeljoni, għax jiena nixtieq li l-bibien ikunu miftuħa għal kollox, ħalli mbagħad jagħżel hu, għax dak huwa s-suċċess ta' karattru sod. Jekk inti għandek, firxa quddiemek ta', elementi u tagħżel dak li jogħġob lilek, ħalli jforsi jregħxek, imma tgħid: "Le, ma rridux, ma rridux." Jekk jogħġbok tista' tieħdu, dik hija l-libertà. Issa kelli f'moħħi żewġ affarijiet. Number one, li nogħġob lill-popolin, għax il-popolin, kif taf inti, iktar jogħġobhom r-rumanzi milli Dante u Shakespeare. Dak li huwa ngħidu aħna poplu ta', ċertu livell ta' skola u jippreferu dawn ir-rumanzi. Issa, it-tieni nett, ir-rumanzi jinbiegħu, fil-fatt Overdose inbiegħ kollu, u dan miexi tajjeb ukoll, l-aħħar wieħed, u meta jinbiegħ rumanz, jiena jkolli mezzi finanzjarji biex indur għal Shakespeare, għax jiena, kif taf inti, diġà għedtlek id-Divina Commedia għamiltha bi flusi, kull xogħol li qed noħroġ qed nagħmlu bi flusi. Jiena għandi dejn kbir mal-mal-Palprint Press, fejn nippubblika, għax sibt ġentlom fuq l-irġiel illi, illi jgħinni, u jħallini nħallsu meta nista' u fl-istess ħin, b'dawn il-flus jiena nkun nista' nħallas ftit mid-dejn li għandi, u fl-istess ħin inkompli naħdem fuq Shakespeare. Jiġifieri jiena m'għamiltx biex niskandalizza biss, illi nogħġob lill-popolin, ikolli rumanz modern u adult li jingħoġob, u fl-istess ħin iġġenera xi ħaġa extra, għax mix-Shakespeare mhux, se tbigħ bl-istess kwantità li se tbigħ rumanz hux.
Dan l-istil inti ssejjaħlu stil letterarju, jew aktar pjuttost aktar huwa stil kummerċjali?
Ejja ngħidu li bħala letteratura ma naħsibx li fih xi tmaqdar, qed nitkellem għalija forsi nnifsi, għax anke is-sintassi, il-grammatika, jiġifieri kollox tajjeb. Inti tista' ssejjaħlu kummerċjali mil-lat, li speċi miftuħ żejjed forsi, imma jiena nerġa' ngħidlek, huwa kummerċjali, jiġifieri, fis-sens illi jiena rrid nuri l-ħajja kif inhi u li naċċettawha kif inhi. Jiġifieri jekk, qed issir ħaġa, nafu li qed issir. Jekk naħbu rasna ġo rammel u ngħidu din mhix qed issir, mela nibqgħu għaddejjin, u fil-fatt il-ħsarat baqgħu jisiru. Jiena għamilt żmien fis-Social Service u rajt ħafna pjagi tas-soċjetà, qed tifhem? U ħafna minn dawn il-pjagi konna ngħattuhom, u mingħalina mexjin fuq, ilma kwiet. Fil-fatt kollox tela' fil-wiċċ illum, għax illum is-soċjetà, kif taf inti, hija mħawda, kulħadd, qisu ma jafx fejn hu, u dan huwa r-riżultat. Nippruvaw nagħtu dak li, hu r-realtà tal-ħajja. Jekk inti taċċetta l-ħajja kif kont qed ngħidlek ftit ilu, ikollok iktar ċans li tiġġieldilha. Naqbel miegħek li huwa kummerċjali fis-sens, il-poplu jridu wkoll fl-istess ħin, għalhekk kummerċjali, għax kieku ma kienx hemm dawn iċ-ċerti passaġġi, kieku forsi ma kienx daqshekk kummerċjali.



