Punti Ewlenin
- Eluf ta’ tfal Indiġeni kienu sfurzati jħallu l-familji tagħhom biex jgħixu f’soċjetà bajda.us children were force from their families and into white society.
- It-tneħħija ta’ dawn it-tfal ikkawżat trawma profonda u dejjiema li għaddiet minn ġenerazzjoni għall-oħra.
- Il-komunitajiet qed ifiequ permezz ta’ programmi kulturali ta’ konnessjoni mill-ġdid u appoġġ.
- L-edukazzjoni u r-rikonoxximent nazzjonali huma kruċjali għall-fejqan.
Twissija dwar dan il-kontenut: Dan l-episodju fih materjal ta’ niket, fosthom referenzi għal trawma, tneħħija ta’ tfal mill-familji tagħhom, u jsemmi nies Aboriġini u ta’ Torres Strait Islander li m’għadhomx magħna.
Mill-1910 sas-snin sebgħin, eluf ta’ tfal Aboriġini u Torres Strait Islander tneħħew sistematikament minn mal-familji tagħhom skont il-politika uffiċjali tal-gvern ta’ dak iż-żmien. Dawn it-tfal tpoġġew f’istituzzjonijiet jew trabbew minn familji mhux Indiġeni.
Għaliex tneħħew dawn it-tfal mill-familji tagħhom?
Shannan Dodson, mara Yawuru miż-żona ta’ Broome u Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Fejqan, tgħid li kien hemm skop devastanti għat-tneħħija ta’ dawn it-tfal.
“Li kien ta’ swied il-qalb dwar il-Ġenerazzjonijiet Misruqa kien li kienu għexieren ta’ eluf ta’ tfal li tneħħew, u l-aktar għas-sempliċi raġuni li riedu jassimilawhom f’kultura mhux Aboriġinali... Ħafna minn dawk it-tfal sofrew abbuż u ħafna minnhom qatt ma reġgħu raw lill-familji tagħhom."
It-tfal kienu speċifikament fil-mira ta’ dan il-pjan, għax kien hemm iktar ċans li jaċċettaw dak li jintqalilhom, u li jwarrbu l-kultura tagħhom. Ħafna drabi l-familji kienu jitqarrqu - jgħidulhom li wliedhom kienu mietu jew li ma kinux iriduhom.
Iż-żamma ħażina tar-rekords tagħmilha diffiċli biex wieħed ikun jaf kemm tneħħew tfal minn mal-familji tagħhom, iżda n-numru jista’ jkun għoli sa wieħed minn kull tlett itfal. Nafu iżda li kull komunità Aboriġinali u Torres Strait Islander inbidlet għal dejjem, u l-marki tal-ferita jibqgħu.

Fejn marru t-tfal?
Ħafna tfal misruqa ttieħdu f’istituzzjonijiet statali u mmexxija mill-knisja madwar il-pajjiż.
Dawn kienu jissejħu ċentri ta’ taħriġ jew dormitorji fejn it-tfal kienu suġġetti għal dixxiplina estrema. Kienet titneħħilhom l-indentità tagħhom u jingħataw ismijiet, lingwa u reliġjon ġodda.
L-aħwa kienu jinfirdu spiss, u xi istituzzjonijiet kienu jżommu biss trabi.
Fl-1943, ta’ erba’ snin, Aunty Lorraine Peeters, mara Gamilaroi u Wailwan, ittieħdet fil-Cootamundra Domestic Training Home għat-Tfal Aboriġinali Bniet fi NSW. Iż-żewġ ħutha subien marru fid-dar magħrufa għall-isem ħażin tagħha Kinchela Aboriginal Boys’ Training Home.
“Il-kastig kien awtomatiku jekk tinsa li int bajda,” tiftakar hija.
“Lanqas biss stajna nitkellmu fuq li tkun persuna Aboriġina. U ħaġa bħal din tidraha bħala tifla ta’ erba’ snin. Malajr tinsa affarijiet Aboriġinali u tgħallimt l-affarijiet tan-nies bojod. U l-kastig kien tal-waħx f’dawk il-postijiet."
Fl-10 snin ta’ wara Aunty Lorraine kienet imħarrġa bħala qaddejja domestika għall-familji bojod.
Illum hija vuċi b’saħħitha għal dawk li għaddew minn din it-trawma, u l-fundatriċi tal-Programm Marumali, inizjattiva ta’ fejqan imfassla għall-ħtiġijiet ta’ dawk li esperjenzaw it-tneħħija mill-familji tagħhom.

X’inhi trawma li tgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra?
It-trawma li jgħaddu minnha t-tfal, il-familji u l-komunitajiet tkompli tinħass minn ġenerazzjoni għall-oħra.
Illum hawn żgħażagħ li ma jafux min huma, minn fejn ġejjin jew għaliex iġibu ruħhom bil-mod tagħhom, tgħid Aunty Lorraine.
“Huwa ċiklu vizzjuż. Jekk ma nkissruhx fil-familji tagħna, jibqa’ għaddej.”
Minħabba n-nuqqas storiku ta’ sistemi ta’ appoġġ, ħafna drabi t-trawma għaddiet bla ma nafu fuq it-tfal hekk kif dawn raw l-uġigħ li jgħaddu minnu l-ġenituri u n-nanniet tagħhom.
Din hija magħrufa bħala trawma li għaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra.
Dawk li ġarrbu din it-trawma jitkellmu dwar kemm jista’ jkun diffiċli li jrabbu lil uliedhom stess, għax ma trabbewx f’ambjent ta’ mħabba jew ta’ appoġġ, tispjega Shannan Dodson.
“Oħrjan ammettew li minħabba t-trawma li għaddew minnha, b’dispjaċir għaddew dik it-trawma lit-tfal tagħhom stess. U naraw dak iċ-ċiklu mbagħad jirrepeti ruħu għan-neputijiet. U għalhekk nirreferu għaliha bħala trawma li tgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra.”
Is-sintomi ta’ trawma f’ġenerazzjonijiet diversi llum huma viżibbli f’rati għoljin ta’ tkissir tal-familji, vjolenza, dħul il-ħabs, suwiċidju u abbuż mid-droga u l-alkoħol.
Il-Komunitajiet issa qed jaħdmu biex itemmu ċ-ċiklu ta’ trawma permezz tal-fejqan.

Kif jidher il-fejqan mit-trawma?
“Naħseb li l-fejqan huwa xi ħaġa li tidher differenti minn nies differenti, imma nafu li dawk li għaddew minn din it-trawma jridu jiddeterminaw huma stess kif jidher dak il-fejqan għalihom infushom,” tgħid Shannan Dodson.
Il-fejqan ifisser il-bini mill-ġdid ta’ strutturi tal-familja u komunitajiet b’ saħħithom. Ifisser ukoll il-bini mill-ġdid ta’ sens ta’ identità u kburija. Il-konnessjoni mill-ġdid mal-art, il-kultura u l-lingwa tgħin biex terġa’ tinkiseb l-identità li tteħditilhom.
Dawk li għaddew minn din it-trawma jesprimu wkoll il-ħtieġa tagħhom li jaqsmu l-esperjenzi tagħhom u li jkunu jistgħu jitkellmu liberament dwar l-inġustizzji storiċi.
“Fi ċrieki u laqgħat, qed jinħoloq il-fejqan proprju hemmhekk,” tgħid Aunty Lorraine dwar il-ħidma tagħha mal-Coota Girls Aboriginal Corporation, imwaqqfa mill-eks residenti tad-dar ta’ Cootamundra.
“Jitkellmu fuqha, ifiequ minnha, billi sempliċement jirrakkuntaw l-istorja tagħhom… ”
Animazzjoni tat-trawma minn ġenerazzjoni għall-oħra mill-Fondazzjoni għall-Fejqan
Dan il-vidjo fih il-vuċi ta' persuna mejta.
Edukazzjoni u li tingħad il-verità
Komponent vitali ieħor tal-fejqan huwa l-edukazzjoni-li tiżgura li l-Awstraljani kollha jifhmu l-verità dwar il-Ġenerazzjonijiet Misruqa.
“Nixtieq nara Awstraljani mhux Indiġeni jagħtu ċans lil uliedhom jitgħallmu l - istorja vera ta’ dan il-pajjiż,” tħeġġeġ Aunty Lorraine, "u jinbidlu s-sistemi u nibdew mill-ġdid għaliex dak li nkiteb dwar l-Aboriġini huwa bbażat fuq ir-razziżmu.”

X’inhu l-futur ta’ dawk li għaddew mill-Ġenerazzjonijiet Misruqa?
F’mument importanti fl-2008, il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Kevin Rudd għamel l-Apoloġija tant mistennija lill-Ġenerazzjonijiet Misruqa, lid-dixxendenti tagħhom u lill-familji tagħhom.
Din kienet segwita b’diversi inizjattivi u żviluppi fosthom it-twaqqif tal-Fondazzjoni għall-Fejqan.
Dawk li għaddew minn din it-trawma u l-familji tagħhom jeħtieġu appoġġ kontinwu, tgħid Shannan Dodson.
“L-organizzazzjoni tagħna qed tirrakomanda pakkett nazzjonali ta’ fejqan, li jiżgura li l-ġustizzja li fadal li trid issir mal-Ġenerazzjoni Misruqa sseħħ qabel ma b’dispjaċir imutu aktar minn dawk li għaddew minn din it-trawma.”
Permezz ta’ programmi bħal Marumali, appoġġ mill-Fondazzjoni għall-Fejqan u inizjattivi mmexxija mill-komunità, il-fejqan jista’ jkompli.
Il-fejqan veru jirrikjedi wkoll li l-Awstralja kollha tagħti widen u tgħin lil dawk li għadhom ħajjin biex jgħidu l-istorja tagħhom.
READ MORE

What is Closing the Gap?





