Tislima lil Manwel Casha – mużiċist, kittieb u pijunier tax-xandir Malti f’Melbourne

Manwel Casha.jpg

Manwel Casha - Photo SBS Maltese

B’sogħba nħabbru l-mewt tal-eks kollega tagħna tal-SBS Manwel Casha li ġrat nhar it-Tnejn fl-għomor ta’ 81 sena. Manwel Casha kien mużiċist professjonali, kittieb u poeta. Kien wieħed minn tal-ewwel li daħal jgħin lil Dr Joe Abela fil-bidu tax-xandir bil-Malti, f’Melbourne fl-1975 l-ewwel fuq Access Radio 3ZZ u mbagħad fuq Radio 3EA.


Fuq l-SBS kien beda bil-programm taż-żgħażagħ. U kompla matul is-snin jippreżenta programmi ta’ kull xorta, l-aktar b’laqta kulturali u letterarja, inkluż l-aħbarijiet.

Fost il-kontribuzzjonijiet kbar tiegħu, kien daħħal l-għana Malti fil-programmi tal-SBS. Irrekordja privatament intervisti u għana ta’ wħud mill-aqwa għannejja u kitarristi f’Melbourne u f’Sydney. Dawn l-intervisti llum huma ppreservati fl-arkivji tal-librerija nazzjonali f’Canberra.

Manwel Casha kien mużiċist bravu, kittieb u llum meqjus ukoll bħala riċerkatur tal-għana tradizzjonali Malti fl-Awstralja. Il-ktieb tiegħu li ħareg dwar l-għana u l-prejjem Maltin huwa riżultat ta’ snin ta’ riċerka li għamel fost l-għannejja u l-kitarristi fl-Awstralja.

Fuq l-SBS dejjem għaqqad l-elementi artistiċi tiegħu fil-produzzjonijiet tal-progammi.

Manwel Casha kiteb ukoll diversi kanzunetti popolari. Insibuh jieħu sehem fl-edizzjonijiet tal-Malta Song Festival li kien isir f’Melbourne fis-snin tmenin u dejjem jiġi minn ta’ quddiem.

L-esperimentazzjoni u l-ħsejjes tal-mużika Maltija tiegħu, b’element aktar modern insibhom fil-musicals li kiteb bħal ‘Il-Ħanut ta’ Dwinu u ‘Maleth’. Illum ħafna minn dan ix-xogħol huwa rrekordjat fuq diski li jibqgħu legat mużikali mhux biss ta’ Manwel Casha imma tal-komunità Maltija fl-Awstralja.

Huwa għen lill-kantanti, mużiċisti, għannejja u kitarristi biex jirrekordaw u joħorġu xogħolhom u t-talent tagħhom fuq CDs.

Għan nom tal-SBS nagħti l-kondoljanzi tiegħi lil martu Leslie, uliedu, neputijiet, qraba u hbieb.

Mulej agħtih il-mistrieħ ta’ dejjem.


Share

Follow SBS Maltese

Download our apps

Listen to our podcasts

Get the latest with our exclusive in-language podcasts on your favourite podcast apps.

Watch on SBS

Maltese News

Watch it onDemand

Watch now