Punti Ewlenin
- Trattat huwa ftehim formali bejn il-gvernijiet u l-popli Aboriġini u tal-Gżejjer tat-Torres Strait.
- Ħafna nies tal-Ewwel Nazzjonijiet jaraw it-trattat bħala pass lejn il-ġustizzja, ir-rispett, u relazzjonijiet aħjar fil-futur.
- Trattat nazzjonali joħloq ftehim wieħed madwar il-pajjiż għar-rikonoxximent tad-drittijiet tal-Aboriġini u tal-Gżejjer tat-Torres Strait madwar l-Awstralja.
- X'inhi d-differenza bejn id-drittijiet tal-art Aboriġina, titlu nattiv u trattat?
- X'ifisser trattat fl-Awstralja?
- Għaliex trattat huwa importanti?
- X'jista' jinkludi trattat?
- X'inhu l-pass li jmiss għal trattat fl-Awstralja?
Trattat huwa ftehim formali bejn il-gvernijiet u l-popli Aboriġini u tal-Gżejjer tat-Torres Strait. Trattat jistabbilixxi kif jistgħu jaħdmu flimkien, jirrikonoxxi d-drittijiet u l-istorja tal-Ewwel Nazzjonijiet, u joħloq pjan għall-futur.
Li tifhem x’inhu trattat huwa mod qawwi biex tikkonnettja mal-istorja tal-Awstralja. Mhuwiex biss dwar il-liġijiet u l-politika, iżda dwar ir-rispett, il-verità, u l-bini ta’ soċjetà aktar ġusta għal kull min isejjaħ dan il-pajjiż daru.
X'inhi d-differenza bejn id-drittijiet tal-art Aboriġina, it-titlu nattiv u t-trattat?
Għalkemm spiss jiġu diskussi flimkien, dawn it-termini jfissru affarijiet differenti:
- Land rights (Drittijiet tal-art): Liġijiet maħluqa minn gvernijiet li jirritornaw ċerti żoni ta' art tal-Kuruna lill-popli Aboriġini u tal-Gżejjer tat-Torres Strait, ġeneralment immaniġġjati minn kunsilli tal-art.
- Titlu nattiv: Rikonoxximent legali li xi nies tal-Ewwel Nazzjonijiet għad għandhom drittijiet fuq l-art u l-ilmijiet tagħhom skont il-liġijiet u d-drawwiet tradizzjonali tagħhom.
- Trattat: Ftehim formali bejn il-gvernijiet u l-popli tal-Ewwel Nazzjonijiet.
Flimkien, dawn il-proċessi għandhom l-għan li jwasslu għall-ġustizzja, rikonoxximent u t-tmexxija determinata mill-popli tal-Ewwel Nazzjonijiet.

Protesters march from Parliament House to Flinders Street Station during the Treaty Before Voice Invasion Day Protest on January 26, 2023, in Melbourne, Australia. (Photo by Alexi J. Rosenfeld/Getty Images) Credit: Alexi J. Rosenfeld/Getty Images
X’ifisser trattat fl-Awstralja?
Trattat huwa ftehim legali li jorbot flimkien żewġ gruppi. F'pajjiżi bħal New Zealand, il-gvernijiet u l-Maori ffirmaw it-Trattat ta' Waitangi. Fil-Kanada, hemm ħafna trattati mal-popli tal-Ewwel Nazzjonijiet.
B'differenza minn pajjiżi oħra, l-Awstralja ma għamlitx trattat nazzjonali mal-popli tal-Ewwel Nazzjonijiet tagħha fi żmien il-kolonizzazzjoni Brittanika. Meta l-Brittaniċi stabbilew ruħhom għall-ewwel darba fuq art Aboriġina, iddikjarawha 'terra nullius', li tfisser art li ma tappartjeni lil ħadd. Għalhekk, ma rawx il-ħtieġa li jinnegozjaw man-nazzjonijiet Aboriġini. Minħabba li qatt ma kien hemm trattat, qatt ma kien hemm ftehim wiesa' dwar il-qsim tal-art, ir-riżorsi, jew is-setgħa tat-teħid tad-deċiżjonijiet - vojt li ħafna jaraw li għadha kwistjoni li għad trid tkun diskussa.
Għal ħafna nies tal-Ewwel Nazzjonijiet, dan ‘in-nuqqas li għadu jrid ikun solvut’ huwa r-raġuni għaliex it-trattat għadu suġġett ta' konverżazzjoni daqshekk kbira llum.
It-taħditiet dwar it-trattati hawnhekk huma dwar ir-rikonoxximent ta’ dik l-istorja, iż-żamma tad-drittijiet, u l-iżgurar li l-komunitajiet tal-Ewwel Nazzjonijiet ikollhom vuċi reali fid-deċiżjonijiet. L-espert legali Dr Harry Hobbs jgħid:
“Idealment, it-trattati jiġu nnegozjati bejn il-komunitajiet Aboriġini u tal-Gżejjer tat-Torres Strait fuq naħa waħda, u l-gvernijiet statali u federali, dan għaliex il-kostituzzjoni Awstraljana taqsam is-setgħat bejn il-parlament federali u l-parlamenti statali.”
Il-popli Aboriġini u tal-Gżejjer tat-Torres Strait iridu jiżguraw futur komuni, isaħħu s-suċċess għal kulħadd u jirrikonoxxu u jiċċelebraw il-kultura tal-Ewwel Nazzjonijiet tal-Awstralja tal-lum. Fl-aħħar mill-aħħar, trattat fl-Awstralja jfisser li wieħed jitkellem bl-onestà dwar x'ġara fil-passat, u jistabbilixxi direzzjoni ġdida għall-futur.

(from left to right) Former Queensland Truth-Telling and Healing Inquiry chairperson Joshua Creamer, NSW Treaty Commissioner Naomi Moran and co-chair of the First Peoples' Assembly of Victoria Ngarra Murray. Credit: NITV / The Point
Għaliex trattat huwa importanti?
Ħafna nies tal-Ewwel Nazzjonijiet jaraw it-trattat bħala pass lejn il-ġustizzja, ir-rispett, u relazzjonijiet aħjar fil-futur.
Reuben Berg, raġel Gunditjmara u mexxej fil-proċessi tat-trattati ta' Victoria, jgħid, "Naħseb li t-trattat huwa tant importanti, huwa dwar li terġa' tiġi stabbilita r-relazzjoni bejn il-Popli tal-Ewwel Nazzjonijiet u l-gvern, kemm jekk dan ikun fil-livell statali kif ukoll fil-livell tal-Commonwealth."
Trattat huwa important għaliex jista’:
- Jirrikonoxxi l-popli Aboriġini u tal-Gżejjer tat-Torres Strait bħala l-Ewwel Popli tal-Awstralja.
- Jippermetti li tingħad il-verità dwar l-istorja tal-Awstralja.
- Jibni sħubijiet reali fuq kwistjonijiet bħall-art, is-saħħa, l-edukazzjoni, l-iżvilupp ekonomiku u l-kultura.
L-Avukat Tony McAvoy raġel Wirdi jgħid, "meta nkunu kapaċi nikkontrollaw ħajjitna stess, u nieħdu deċiżjonijiet għalina nfusna u nipprovdu servizzi għalina nfusna, inkunu fl-aħjar tagħna, u fl-aqwa kemm spiritwalment u kulturalment. Jekk taċċetta li din hija waħda mill-konsegwenzi tat-trattat, dan għandu jkun tajjeb għall-bqija tal-pajjiż."
X’jista’ jinkludi trattat?
Trattati jistgħu jieħdu ħafna forom u jkopru firxa ta’ kwistjonijiet, dawn jistgħu jinkludu:
- Rikonoxximent tas-sovranità u d-dritt tal-popli tal-Ewwel Nazzjonijiet li jieħdu deċiżjonijiet dwar il-komunitajiet tagħhom.
- Ftehimiet dwar l-użu, l-immaniġġjar, u l-protezzjoni tal-art, l-ilma u r-riżorsi.
- Impenji biex jiġu rivitalizzati u protetti l-lingwi, is-siti kulturali u t-tradizzjonijiet.
- Finanzjament u appoġġ għas-saħħa, l-edukazzjoni, l-akkomodazzjoni u programmi oħra.
Lidia Thorpe, senatur ta’ nisel Gunnai, Gunditjmara u Djab Wurring, temmen li l-komunitajiet lokali għandhom jieħdu f’idejhom it-tmexxija fil-proċess.
Naħseb li jeħtieġ li jkollna gruppi tal-istess dixxendenza u nazzjonijiet rappreżentati fil-livell tal-gvern lokali. Huma dawk il-komunitajiet lokali fejn nistgħu nagħmlu bidla reali.Senator Lidia Thorpe

Independent Senator Lidia Thorpe during Question Time in the Senate chamber at Parliament House in Canberra. Source: AAP / MICK TSIKAS/AAPIMAGE
X’inhu l-pass li jmiss għal trattat fl-Awstralja?
Madwar l-Awstralja, il-progress tat-trattati miexi b'passi differenti. Xi stati, bħal Victoria u Queensland, bdew mexjin lejn it-trattati tagħhom stess, filwaqt li oħrajn, bħal New South Wales, bħalissa qegħdin f'konsultazzjonijiet dwar kif jista' jidher trattat għalihom. Kull proċess huwa ggwidat mill-bżonnijiet lokali u jista' jidher differenti madwar il-pajjiż.
Bħalissa, l-istat ta’ Victoria qed imexxi n-nazzjon. F'Settembru 2025, il-Gvern ta' Victoria u l-Ewwel Assemblea tal-Poplu ta' Victoria laħqu ftehim fil-prinċipju dwar l-ewwel trattat sħiħ tal-istat kollu tal-Awstralja, ir-riżultat ta' snin ta' negozjati u konsultazzjoni mal-komunità. Il-proċess tat-trattat ta' Victoria huwa rikonoxxut b'mod wiesa' bħala eżempju ewlieni għall-bqija tal-Awstralja.
Huwa importanti li tkun taf li trattat nazzjonali u trattati bbażati skont l-istat huma differenti.
Trattat nazzjonali joħloq ftehim wieħed għall-pajjiż kollu għar-rikonoxximent tad-drittijiet tal-Aboriġini u tal-Gżejjer tat-Torres Strait madwar l-Awstralja. It-trattati tal-istat u tat-territorju huma mfassla għal kull żona, u jiffokaw fuq il-prijoritajiet u l-bżonnijiet lokali. Ħafna attivisti jemmnu li kemm trattati nazzjonali kif ukoll trattati bbażati skont l-istat huma meħtieġa, li jaħdmu flimkien biex imexxu 'l quddiem bidla reali.
It-trattat mhuwiex biss kwistjoni tal-Ewwel Nazzjonijiet, huwa dwar ir-rikonoxximent, ir-rispett u l-ġustizzja għal kulħadd. Li jkollok trattat jgħin biex jinbena futur fejn kull vuċi u esperjenza huma apprezzati.
Il-passi li jmiss tat-trattat se jkomplu jinkitbu mill-komunitajiet lokali, il-gvernijiet, u dawk kollha li jixtiequ li jkollhom sehem fil-futur tal-Awstralja. Li tifhem il-proċess tat-trattat huwa mod kif kulħadd jista’ jikkonnettja aktar fil-fond mal-istorja ta’ dan il-pajjiż u jgħin biex ikun iffurmat futur aktar ġust flimkien.
Dan l-episodju fih siltiet mill-programm televiżiv: Living Black – The Case for a Treaty li xxandar għall-ewwel darba f’Lulju 2025. Tista’ tara l-episodju sħiħ fuq SBS On Demand.
Stream free On Demand
The Case For A Treaty
episode • Living Black • News And Current Affairs • 34m
episode • Living Black • News And Current Affairs • 34m
Subscribe to or follow the Australia Explained podcast for more valuable information and tips about settling into your new life in Australia.
Do you have any questions or topic ideas? Send us an email to australiaexplained@sbs.com.au