Punti Ewlenin
- Ir-referendum għall-Vuċi Indiġena fil-Parlament m’għaddiex b’vot qawwi ta’ ‘Le’
- Sitt stati u n-Northern Territory irreġistraw vot ‘Le’ , waqt li fl-ACT ivvutaw ‘Iva’.
- Il-Prim Ministru Anthony Albanese ħeġġeg lill-poplu Awstraljan biex jingħaqad flimkien.
Il-Poplu Awstraljan ma aċċettax proposta biex Vuċi Indiġena fil-Parlament tkun inkluża fil-Kostituzzjoni.
Kien irreġistrat vot ‘Le’ fis-sitt stati kollha u n-Northern Territory waqt ir-referendum storiku tas-Sibt.
Il-vot ‘Le’ huwa wkoll ewlieni fl-għadd tal-voti nazzjonali.
L-ACT kien l-uniku ġurisdizzjoni li rreġistra vot ‘Iva’.
Il-Prim Ministru, Anthony Albanese li kien ddiżappuntat bir-riżultat insista li r-riżultat “ma jiddeterminax min aħna, u ma jifridniex”.
"Issa jiddependi minna lkoll biex ningħaqdu flimkien u nsibu mod differenti għall-istess destinazzjoni ta’ rikonċiljazzjoni.”

Il-Mexxej tal-Oppożizzjoni Peter Dutton talab biex il-pajjiż jingħaqad flimkien u semma r-referendum bħala eżerċizzju li l-Awstralja “ma kellhiex bżonn”.
"Il-proposta u l-proċess kellhom ikunu ddisinjati biex jgħaqqdu lill-poplu Awstraljan, u mhux li jifirduna,” huwa qal.

Xi Awstraljani Indiġeni se jagħmlu “ġimgħa silenzju” wara r-riżultat tal-vot, waqt li oħrajn diġà qegħdin jaraw x’se jiġri ‘l quddiem.
Il-Ministru tal-Awstraljani Indiġeni u difensur għall-kampaja ‘Iva’ Linda Burney qalet li kienet fiduċjuża li titfaċċa ġenerazzjoni mimlija enerġija ta’ mexxejja Indiġeni wara l-votazzjoni.
Id-difensur prominenti tal-kampanja ‘Le’ Nyunggai Warren Mundine qal li r-riżultat jindika li n-nies fl-Awstralja “iridu li jsiru l-affarijiet”, irrespettivament il-kwistjonijiet li qegħdin jiffaċċjaw il-komunitajiet Indiġeni.
"In-nies ma jridux li jkunu injorati l-vjolenza, l-abbuż, il-kontroll fuq ħaddiehor u l-imġieba distruttiva li teżisti f’xi komunitajiet Indiġeni,” huwa qal.
Żomm ruħek infurmat dwar ir-referendum dwar il-Vuċi Indiġena fil-Parlament 2023 minn fuq in-Network tal-SBS, inkluża l-perspettiva tal-Ewwel Nazzjonijiet permezz tan-NITV.
Iċċekkja SBS Voice Referendum portal għal artikli, vidjos u podcasts f’aktar minn 60 lingwa, jew isma’ l-aħħar aħbarijiet u analiżi, dokumentarji u divertiment b’xejn f’ Voice Referendum hub on SBS On Demand.
